QARI I
Jien ħadt il-ktejjeb u blajtu.
Apok 10, 8-11
Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
Jiena, Ġwanni, il-leħen li kont smajt mis-sema raġa’ kellimni u qalli: “Mur ħu l-ktieb il-miftuħ li hemm f’id l-anġlu wieqaf fuq il-baħar u fuq l-art”. U mort ħdejn l-anġlu u għedtlu jagħtini l-ktejjeb. U qalli: “Ħu, u ibilgħu, u jsirlek imrar ġo fik, imma ġo ħalqek jiġik ħelu għasel”. Jien ħadt il-ktejjeb minn id l-anġlu u blajtu, u ġo ħalqi ħassejtu ħelu għasel; iżda meta kiltu, imlieni bl-imrar ġo fija. Imbagħad qaluli: “Int għandek terġa’ tħabbar dwar ħafna popli u ġnus, u ilsna u slaten”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 118 (119), 14.24.72.103.111.131
R/. (103a): Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek!
Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek,
daqs kieku kelli l-għana kollu.
Il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi,
huma jagħtuni l-parir tajjeb. R/.
Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok
mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda.
Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek!
Oħla mill-għasel għal fommi. R/.
Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem;
huma l-għaxqa ta’ qalbi.
Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ,
għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10, 27
Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Id-dar tiegħi għamiltuha għar tal-ħallelin.
Lq 19, 45-48
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù daħal fit-tempju, u qabad ikeċċi ’l barra l-bejjiegħa u jgħidilhom: “Hemm miktub: “Id-dar tiegħi tkun dar it-talb”. Iżda intom għamiltuha għar tal-ħallelin”. U kien jgħallem kuljum fit-tempju. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba u l-kbarat tal-poplu kienu jfittxu li jeqirduh; iżda ma kinux jafu x’jaqbdu jagħmlu, għax il-poplu kollu kien imqabbad miegħu biex jisimgħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu