Il-Liturġija hi l-quċċata li lejha timxi l-ħidma tal-Knisja u fl-istess waqt l-għajn li minnha ġejja kull qawwa tagħha.
Għalhekk il-fidili għandhom jieħdu sehem ħaj fl-azzjoni liturġika, ikunu jafu x’ikun qed isir, u jkollhom frott minnha.
Il-Pjan Pastorali 1986-91 ried li jkun hemm Segretarjat għal-Liturġija biex jieħu ħsieb li f’kull parroċċa jkun hemm Kummissjoni Liturġika u jara li l-abbatini, il-letturi u l-animaturi l-oħra tal-liturġija jkollhom formazzjoni tajba. Is-Segretarjat twaqqaf b’digriet tat-3 ta’ Diċembru 1986, imbagħad b’digriet ieħor, fis-26 ta’ Marzu 1988, ta direttivi dwar l-istruttura u l-kompetenzi tas-Segretarjat. B’digriet maħruġ fis-16 ta’ Diċembru 2002, ma’ dan is-Segretarjat ġew affiljati diversi Kummissjonijiet.
B’digriet maħruġ fit-8 ta’ Awwissu 2023, l-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Mons. Jesmond Manicaro bħala l-ewwel Vigarju Episkopali għal-Liturġija.
Il‑missjoni tal‑uffiċċju tal‑Vigarju Episkopali għal‑Liturġija hi li jieħu ħsieb iċ‑ċelebrazzjoni tal‑quddiesa, tas‑sagramenti u s‑sagramentali l‑oħra kif ukoll il‑Liturġija tas‑Sigħat. Dan il‑vigarjat jippromwovi liturġija attiva li tħalli l‑frott. Dan billi jipprovdi formazzjoni għall‑Insara kollha kif ukoll il‑mezzi meħtieġa biex il‑liturġija tkun iċċelebrata bl‑aqwa mod fil‑komunitajiet kollha, hekk kif il‑liturġija hi l-għajn u l‑quċċata tal‑ħajja tal‑Knisja.
Fi kliem il‑Papa Franġisku, il‑liturġija tagħtina l‑possibilità niltaqgħu ma’ Kristu, u b’hekk jistieden lil kulħadd biex jiskopri u jgħix il‑verità tal‑qawwa taċ‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
Il-Vigarjat għal-liturġija jgħin lill-Arċisqof fil-missjoni tiegħu bħala l-liturġista ewlieni tal-Knisja f’Malta u jgħin lill-parroċċi fil-pastorali liturġika u fl-interpretazzjoni tad-dritt liturġiku.
Id-delegat jikkordina ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi djoċesani u jipprovdi għajnuna lill-operaturi pastorali għal ċelebrazzjonijiet liturġiċi awtentiċi.
Mgr Jesmond Manicaro
Mons. Jesmond Manicaro twieled Raħal Ġdid nhar is‑27 ta’ Awwissu 1964. Studja fl‑Università ta’ Malta mnejn kiseb Baċellerat fit‑Teoloġija u Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali. Kompla l‑istudji tiegħu fl‑Istitut Pontifiċju Liturġiku ta’ San Anselmo f’Ruma mnejn kiseb il‑Liċenzja u d‑Dottorat fil‑Liturġija. Għallem il-liturġija fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta bejn l-2009 u l-2021.
Hu ġie ordnat saċerdot nhar il‑5 ta’ Lulju 1991. Serva fil‑parroċċi ta’ Ħaż‑Żebbuġ, Santa Luċija, u Bormla. Bħalissa qed jaqdi l‑ministeru pastorali tiegħu bħala rettur tal‑Knisja tal‑Erwieħ f’Ħal Tarxien. Fl-2023 inħatar Monsinjur Koadjutur tal-Kapitlu Metropolitan.
Bejn is-sena 2000 u 2023 serva bħala delegat tal‑Arċisqof għal‑Liturġija biex imbagħad fil-11 ta’ Lulju 2023 inħatar Vigarju Episkopali għal-Liturġija.